L-Istati Membri għandhom jirregolaw il-forom ġodda ta’ impjieg

Id-diġitalizzazzjoni rriżultat f’bidliet sinifikanti fis-suq tax-xogħol, u l-ħaddiema impjegati f’forom ġodda ta’ impjieg ta’ spiss huma esklużi mis-sigurtà soċjali. F’opinjoni adottata fis-Sessjoni Plenarja ta’ Diċembru, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirregolaw il-forom ġodda ta’ xogħol u jiżguraw li dawn il-“ħaddiema ġodda” jkun jista’ jkollhom aċċess għal pensjonijiet, kura tas-saħħa u sistemi kontra il-qgħad.

“Issa wasal iż-żmien għall-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa l-qafas xieraq biex jintuża mill-Istati Membri tagħha”, qal ir-relatur Petru Sorin Dandea (Ħaddiema, RO). “Fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-intervent fil-livell tal-UE huwa assolutament meħtieġ. Għandna bżonn leġislazzjoni biex tiżgura li n-nies li għadhom mhumiex rikonoxxuti bħala ħaddiema jkunu koperti minn sistemi tas-sigurtà soċjali”.

Il-KESE jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex:

  • jirregolaw dawn il-forom ġodda ta’ impjieg u jagħtu l-istatus ta’ “ħaddiem” lil kull persuna impenjata f’“forma ġdida ta’ xogħol”.
  • jagħmlu l-pagamenti ta’ kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, tal-kura tas-saħħa u għall-qgħad obbligatorji għal kull dħul professjonali rreġistrat.
  • jikkollegaw il-bażijiet ta’ data elettronika tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa tagħhom, biex in-nies li jkollhom dħul professjonali, iżda li l-istatus ta’ “ħaddiem” tagħhom ma jkunx ġie rikonoxxut, ikunu jistgħu jiġu identifikati.
  • jesploraw modi ġodda ta’ ffinanzjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Pereżempju, parti mid-dividend diġitali jista’ jintuża biex jiggarantixxi l-aċċess għas-sigurtà soċjali għall-persuni involuti f’forom ġodda ta’ xogħol. (mp)