Il-Pjattaforma għall-Bidla tal-UE tnediet fil-KESE

Il-President tal-KESE Georges Dassis u l-Kummissarju Ewropew għat-Trasport, Violeta Bulc, nedew uffiċjalment il-Pjattaforma tal-UE għall-Bidla waqt konferenza ta’ importanza fil-KESE fi Brussell fis-27 ta’ Novembru. Il-Pjattaforma għandha l-għan li żżid l-impjieg u l-oppotunitajiet indaqs tan-nisa fis-settur tat-trasport.

“Li wieħed jipprova jtejjeb l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fis-settur tat-trasport mhix biss kwistjoni ta’ ugwaljanza bejn is-sessi: hija ħtieġa ekonomika u soċjali li għandha x’taqsam mal-impjieg, l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u t-tkabbir fl-UE,” qal is-Sur Dassis.

Skont is-Sinjura Bulc, “22 % biss tal-ħaddiema tat-trasport huma nisa. Hemm potenzjal kbir għas-settur biex itejjeb l-opportunitajiet indaqs u ninsab ħerqana li l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet jaqblu dwar dan u qed jieħdu l-impenn biex jiżdied l-impjieg tan-nisa. Bl-involviment tan-nisa u l-irġiel flimkien għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi se niżguraw li s-soċjetajiet tagħna jiffjorixxu fil-livelli kollha.”

Il-Pjattaforma ġiet żviluppata mill-KESE b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u se tippermetti lill-partijiet interessati mis-setturi kollha tat-trasport biex jenfasizzaw l-inizjattivi speċifiċi tagħhom li jippromovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jagħmlu skambju ta’ prattiki tajbin. (mp)