Il-politika u s-soċjetà għandhom responsabbiltà kondiviża għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ

Minkejja għadd ta’ inizjattivi ta’ kwalità għolja, mhux qed isir biżżejjed biex jipprevjenu liż-żgħażagħ milli iċedu għall-attrazzjoni tal-estremiżmu vjolenti, jgħid il-KESE

Fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ, l-Istati Membri u l-UE jeħtieġ li jinvoluvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod aktar effettiv bħala msieħba li jistgħu jagħtu kontribut importanti lir-reżiljenza fuq bażi soċjali u ta’ valuri kontra l-ideat estremisti, qal il-KESE waqt il-plenarja ta’ Diċembru.

Minflok ma jiffokaw fuq politiki ta’ sigurtà u punittivi fuq perjodu qasir immexxija minn avvenimenti ta’ “kriżi”, il-politiki tal-UE għandhom jinvestu aktar fi sforzi ta’ prevenzjoni f’waqthom iżda fit-tul u koordinati, il-KESE stqarr fl-opinjoni tiegħu dwar Kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ,.

Ir-relatur is-Sur Christian MOOS (Interessi Varji, DE) saħħaq li ż-żgħażagħ huma partikolarment vulnerabbli għal propaganda estremista, peress li dawn ma jkollhomx sens qawwi ta’ identità u ħafna drabi jħossuhom esklużi mis-soċjetà.

Il-prevenzjoni teħtieġ approċċ li jinvolvi diversi aġenziji li jinvolvu lil dawk li jfasslu l-politika, il-pulizija u l-ħabsijiet, ħaddiema soċjali, l-iskejjel, il-midja, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fil-fehma tal-KESE.

Is-Sur Moos faħħar il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam. In- netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni tagħha dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) jiġbor l-aktar prattikanti esposti u lokali u jippromovi l-iskambju tal-aħjar prattika u esperjenzi fuq il-post, filwaqt li l-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni tagħha għandu jagħti pariri dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-politiki tal-UE u kooperazzjoni aktar strutturata bejn il-partijiet interessati u bejn l-Istati Membri.

Madankollu, il-KESE jgħid li dawn l-inizjattivi mhumiex biżżejjed.

Il-KESE jagħmel enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni formali u mhux formali għal parteċipazzjoni attiva f’soċjetà diversa u għat-tagħlim tal-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku.

Il-ġlieda kontra tendenzi ksenofobiċi u populisti permezz ta’ għarfien aktar interkulturali u wkoll permezz ta’ fehim sod tal-valuri tal-UE hija wkoll meqjusa bħala utli.

L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ġew identifikati bħala li jipprovdu opportunitajiet alternattivi siewja għall-iżvilupp ta’ sens tajjeb tal-identità personali. Il-KESE saħaq ukoll ir-rwol tat-trejdjunjins u l-komunitajiet reliġjużi, kif ukoll dak tas-servizzi u n-netwerks ta’ appoġġ li jistgħu jgħinu lill-iskejjel u l-familji jidentifikaw l-ewwel sinjali tar-radikalizzazzjoni.

Il-ġlieda kontra l-qgħad u l-faqar fost iż-żgħażagħ għandha tkun ukoll prijorità fuq l-aġenda, irrakkomanda l-KESE. (ll)