Pjattaforma tal-UE għall-Inklużjoni tar-Rom

Fis-27 u t-28 ta’ Novembru 2017, il-KESE ospita l-11-il Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom, organizzata mill-Kummissjoni Ewropea u li ffukat fuq it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ Rom mill-edukazzjoni għall-impjieg .

Din kienet l-ewwel darba li l-KESE ospita l-Pjattaforma sa mit-twaqqif tagħha fl-2009 biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati fl-inklużjoni tar-Rom.

Il-Pjattaforma indirizzat l-emarġinazzjoni estrema tar-Rom fl-Ewropa, li jiffaċċjaw is-segregazzjoni fl-iskejjel u fil-parti l-kbira huma esklużi mis-swieq tax-xogħol. Fost il-parteċipanti kien hemm ministri mill-Istati Membri, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, viċi presidenti u membri tal-Parlament Ewropew u l-KESE, uffiċjali ta’ livell għoli oħra tal-UE u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lir-Rom.

Il-Viċi President tal-KESE Gonçalo Lobo Xavier stqarr: "Li nospitaw il-Pjattaforma hawnhekk fi-dar tas-soċjetà ċivili jixhed l-importanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala aġent għal bidla pożittiva għall-inklużjoni tar-Rom.

Il-KESE stabilixxa grupp ta’ studju permanenti b’mandat li jimmonitorja u jirraporta dwar kif is-soċjetà ċivili tqis l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-integrazzjoni tar-Rom u tiffaċilita aktar djalogu dwar kwistjonijiet relatati mar-Rom bejn il-gruppi tas-soċjetà ċivili u l-UE.

Il-grupp jorganizza wkoll żjajjar fil-pajjiżi u seduti mal-partijiet interessati favur sensibilizzazzjoni dwar id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni tar-Rom.

Il-Pjattaforma ta’ dis-sena kella l-għan li ssib soluzzjonijiet għall-fatt li r-Rom huma l-aktar grupp sottorappreżentat fis-suq tax-xogħol . Skont l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 63 % tar-Rom li għandhom bejn il-15 u l-24 sena ma jaħdmux jew ma jattendux skola jew korsijiet ta’ taħriġ.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ġew ippreżentati fil-workshops ospitati mill-KESE ġew ippreżentati waqt dibattitu politiku ta’ livell għoli fit-tieni ġurnata tal-avveniment. (ll)