X’post hemm għall-kultura fil-ġejjieni tal-Ewropa? Iż-żgħażagħ Ewropej se jagħtu fehmithom lil Brussell

Tlieta u tletin skola< minn madwar l-Ewropa ser jiġu Brussell f’Marzu li ġej u jgħidu lill-istituzzjonijiet Ewropej eżattament ir-rwol li jqisu li l-kultura se taqdi fil-ġejjieni tal-Ewropa. Huma ser jiskambjaw ideat, jiddibattu u jivvotaw dwar tliet proposti li l-istituzzjonijiet Ewropej ser jikkunsidraw fit-tfassil ta’ politika tagħhom.

L-iskejjel intgħażlu biex jipparteċipaw f’din l-inizjattiva permezz ta’ sistema elettronika tal-għażla tal-ismijiet fi Brussell fis-6 ta’ Diċembru. Ser ikunu involuti skola sekondarja waħda minn kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE u mill-ħames pajjiżi kandidati (l-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija).

Bit-titolu “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” (YEYS), l-avveniment huwa organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-vuċi tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, u huwa l-avveniment emblematiku tal-Kumitat għaż-żgħażagħ.

Studenti minn skejjel sekondarji se jħallu l-klassijiet tas-soltu tagħhom u jiġu fi Brussell fil-15 u s-16 ta’ Marzu biex jaqsmu l-fehmiet u l-ideat tagħhom u jaħdmu flimkien dwar "Magħqudin fid-diversità: ġejjieni aktar żagħżugħ għall-kultura Ewropea".  Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-KESE qed ifittex li jiżgura li l-fehmiet, l-esperjenzi u l-ideat tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-politika tal-UE.

Aktar dettalji dwar YEYS2018 huma disponibbli fil-paġna uffiċjali tal-avveniment u fil-filmat tas-sena l-oħra hawnhekk.(ks)