L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għandhom jiggwidaw l-aġenda kummerċjali futura tal-UE

Peel - Quarez

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu dwar Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ u l-investiment għat-tilħiq u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Diċembru (relatur: Jonathan Peel (Min Iħaddem, UK); korelatur: Christophe Quarez (Ħaddiema, Fr)).

Aħna nemmnu li l-SDGs, flimkien mal-Ftehim ta’ Pariġi, ser jibdlu fundamentalment l-aġenda kummerċjali dinjija. Il-ħtieġa li jiġu implimentati dawn il-ftehimiet profondi għandha tkun fil-qalba tan-negozjati futuri kollha tal-UE”, qal Jonathan Peel.

Il-KESE jemmen li hemm għadd ta’ oqsma ewlenin ta’ politika fejn l-UE għandha bżonn tħabrek biex tallinja l-ftehimiet kummerċjali tal-ġejjieni mal-SDGs, l-iżjed fil-każ tal-ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-UE sabiex tippromovi l-implimentazzjoni tal-SDGs fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha wkoll.

“Tinħtieġ konċentrazzjoni akbar fuq id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tas-sostenibbiltà fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE sabiex jiġi żgurat li dawn jikkontribwixxu għall-SDGs”, qal Christophe Quarez. L-inklużjoni ta’ kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli b’mekkaniżmi għall-monitoraġġ tas-soċjetà ċivili fi ftehimiet ta’ sħubija ekonomika u kummerċjali fil-livell tal-UE hija ta’ importanza kbira. Dawn il-mekkaniżmi għandhom potenzjal kbir biex jippromovu l-valuri tal-UE, inklużi l-istandards soċjali u ambjentali, u jistgħu wkoll jagħtu riżultati tanġibbli.  (sg)