Il-kooperazzjoni dwar id-difiża fl-UE kollha hija essenzjali għas-sigurtà tal-Ewropej

Il-KESE jinkoraġġixxi kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri tal-UE f’dak li jirrigwarda d-difiża u jappoġġja t-tnedija tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) bħala xprunaturi importanti mhux biss tal-ekonomija, iżda wkoll tal-integrazzjoni Ewropea.

"L-Ewropa jeħtieġ li tagħmel evalwazzjoni mill-ġdid u tadatta l-kapaċitajiet tagħha għall-industrija tad-difiża tagħha stess u tiżviluppa kultura ta’ difiża u sigurtà fl-Ewropa kollha biex tagħti sinifikat sħiħ liċ-ċittadinanza Ewropea", qal ir-relatur tal-EDIDP Antonello Pezzini (Min Iħaddem, IT).

"Is-settur tad-difiża huwa settur ekonomiku importanti b’teknoloġija avvanzata. Jeħtieġ li ninkoraġġixxu r-riċerka u l-iżvilupp fl-industrija tad-difiża għax ser ikollha wkoll impatt pożittiv fuq industriji prinċipali oħrajn", żied jgħid ir-relatur tal-EDF Mihai Ivaşcu (Interessi Varji, RO).

Il-produtturi Ewropej – inklużi l-SMEs – u l-utenti, li jinvolvu minn tal-anqas tliet Stati Membri, jeħtieġ li jkunu integrati b’mod effettiv meta jiġu biex jiffinanzjaw proġetti u jakkwistaw beni u servizzi.

Kull euro investit fl-industrija tad-difiża jiġġenera redditu ta’ EUR 1,6. Għaldaqstant l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jagħmlu użu mill-EDF biex iżommu l-kapaċitajiet industrjali ewlenin fl-Ewropa stess u jiżguraw li l-flus Ewropej jintefqu fuq R&Ż Ewropej u għax-xiri ta’ sistemi Ewropej ta’ armi.

"L-Ewropa jeħtieġ li tibni kapaċitajiet ewlenin b’saħħithom li jappoġġjaw l-interessi Ewropej u li japplikaw standards soċjali u ambjentali għoljin. Għandha bżonn li tieħu responsabbiltà akbar dwar id-difiża u trid tkun lesta u kapaċi tiskoraġġixxi kwalunkwe theddid estern għaċ-ċittadini u l-istil ta’ ħajja tagħha", ikkonkludew ir-relaturi. (sma)