L-UE teħtieġ politika alimentari komprensiva

Il-qafas attwali tal-UE mhuwiex biżżejjed għal tranżizzjoni għal sistemi alimentari aktar sostenibbli. Politika alimentari komprensiva hija meħtieġa b’mod urġenti sabiex tittejjeb il-koerenza bejn l-oqsma ta’ politika relatati mal-ikel, jiġi restawrat il-valur tal-ikel u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu, il-KESE jitlob għal politika alimentari Ewropea komprensiva, bl-għan li dieti tajbin għas-saħħa jkunu pprovduti minn sistemi alimentari sostenibbli u sabiex l-agrikoltura tkun marbuta man-nutrizzjoni u s-servizzi tal-ekosistema.

"Għandna bżonn inġibu aktar ġustizzja fis-suq u jeħtieġ li n-nies jifhmu l-valur tal-ikel" qal ir-relatur Peter Schmidt (Ħaddiema, DE).

Politika alimentari komprensiva u moderna trid tkun komplementari għal, iżda mhux tissostitwixxi, PAK imfassla mill-ġdid. Għandha wkoll tissodisfa diversi kriterji, bħall-kwalità tal-ikel, is-saħħa, l-ambjent, ekonomija soda u governanza tajba. “L-Ewropa trid tistabbilixxi l-istandards”, saħaq is-Sur Schmidt.

Il-KESE jirrakkomanda passi kbar fil-livell tal-UE, bħal:

  • Sistema tat-tikkettar tal-ikel sostenibbli;
  • Rabtiet iktar mill-qrib bejn il-produtturi u l-konsumaturi;
  • l-iżgurar ta’ prezzijiet ġusti għall-produtturi;
  • L-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Sostenibbilità tal-Ikel;
  • Direttorat Ġenerali tal-Ikel, responsabbli għall-politiki relatati mal-ikel u s-sors ta’ regolamentazzjoni, leġislazzjoni u infurzar. (sma)