Il-KESE jemmen li d-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali għandha tiġi implimentata b’mod aktar effettiv sabiex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni ambjentali possibbli fl-UE.

Ir-raġuni l-aktar importanti wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali (ECD) fl-2008 kienet li jiġu żgurati pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Abbażi tad-data miġbura matul il-ħames missjonijiet tiegħu ta’ sejbien ta' fatti, il-KESE identifika numru ta’ difetti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali li jidhru komuni għall-Istati Membri kollha.

Ir-rata baxxa ta’ kundanna tissuġġerixxi li r-reati ambjentali ma jittieħdux bis-serjetà biżżejjed. Is-sanzjonijiet amministrattivi huma wkoll meqjusa bħala mhux effettivi.

It-taħriġ għall-prosekuturi u l-imħallfin ġie enfasizzat bħala ħtieġa reali u urġenti. Il-KESE jemmen li jkun utli li jkun hemm korp tal-pulizija u qrati speċjalizzati. In-nuqqas ta’ unità ċentralizzata ta’ reati ambjentali huwa wkoll meqjus bħala ostakolu għall-investigazzjoni ta’ reati ambjentali transfruntiera.

"Aħna neqsin mir-riżorsi umani u finanzjarji!", qal ir-relatur tal-KESE Arnaud Schwartz.

Il-KESE jsostni wkoll li l-Istati Membri għandhom itejbu l-kundizzjonijiet li bihom il-vittmi ta’ ħsara ambjentali jistgħu jieħdu azzjoni legali kollettiva.

Il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali jeħtieġ li tiġi riveduta, abbażi ta’:

  • l-aħħar trattati tal-UE li jippermettu l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet;
  • tipi ġodda ta’ mġiba kriminali;
  • skala ta’ sanzjonijiet minimi għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi. (mr)