Iben il-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, li nqatlet fl-2017, waqt li kienet qed tirrapporta dwar il-korruzzjoni tal-gvern, indirizza s-sessjoni plenarja ta’ Diċembru tal-KESE u qal li mekkaniżmu Ewropew għall-monitoraġġ tal-istat tad-dritt jista’ jgħin biex jiddefendi l-ġurnaliżmu minn kull forma ta’ pressjoni.

"Il-Parlament Ewropew qed jaħdem biex jintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-istat tad-dritt u l-Kummissjoni l-ġdida tidher li taqbel miegħu. Irridu verament naħdmu flimkien biex niżguraw li dan ikun effettiv u adatt għall-iskop tiegħu u li l-valuri li jsawru l-Unjoni Ewropea jkunu infurzabbli daqs il-valuri li fuqhom huwa msejjes is-suq uniku tagħna,"huwa qal.

Il-President tal-KESE, Luca Jahier , enfasizza kemm il-ġurnaliżmu ħieles huwa vitali għall-funzjonament tajjeb u bbilanċjat tas-soċjetà tagħna: “Il-libertà tal-midja hija fil-qalba tal-valuri li ngħożżu. Jekk il-ġurnalisti jiġu msikkta, l-istess jiġri lid-demokrazija. Ir-rivelazzjonijiet ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ikkonfermaw dak li Daphne kienet ilha twissi dwaru qabel il-qtil tagħha: li l-istat tad-dritt fl-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kien ġie kompromess mill-istess persuni li kellhom id-dmir li jipproteġu ċ-ċittadini ta’ Malta. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ġurnalisti oħra tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaħdmu fuq stejjer investigattivi. Kollha ddifendew id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Kollha mietu għax xejn ma seta’ jsikkithom."

L-Assemblea tat ġieħ lix-xogħol imprezzabbli ta’ Daphne, filwaqt li b’unanimità affermat mill-ġdid l-importanza ta’ stampa ħielsa u enfasizzat ir-rwol essenzjali tal-ġurnalisti biex iħarsu l-libertajiet fundamentali tagħna ta’ kuljum, li, flimkien mad-demokrazija u l-istat tad-dritt, jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa. (mp)