Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili

Il-preżenza tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (Grupp III), flimkien mal-Grupp ta’ Min Iħaddem u l-Grupp tal-Ħaddiema, tiżgura li l-Kumitat ikun forza dinamika bis-setgħa li jesprimi b’mod sħiħ u konkret il-preokkupazzjonijiet tad-diversi organizzazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, okkupazzjonali, u ċiviċi li jsawru s-soċjetà ċivili fl-Istati Membri.

B’konformità mat-tibdil introdott fit-Trattat ta’ Lisbona, il-Grupp III huwa magħmul minn “rappreżentanti u partijiet interessati oħra tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fis-settur ekonomiku, ċiviku, professjonali u kulturali”.

l-karatteristika unika li ssawwar l-identità tal-Grupp III hija l-firxa wiesgħa ta’ setturi rappreżentati. Il-membri tiegħu jiġu minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta’:

  • l-akkademja (xjentisti naturali, ekonomisti, soċjoloġisti, eċċ.)
  • il-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini
  • l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili
  • il-konsumaturi
  • l-ambjent, il-wirt u l-iżvilupp sostenibbli
  • il-biedja, is-sajd u l-komunitajiet kostali, il-forestrija
  • il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (kwistjonijiet li jikkonċernaw lit-tfal, l-anzjani, il-familji, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-gruppi marġinalizzati u inqas privileġġati, il-migranti u r-refuġjati, il-minoranzi, il-persuni b’diżabbiltà, in-nisa u ż-żgħażagħ)  
  • il-professjonijiet liberi (avukati, tobba, inġiniera, eċċ.) 
  • l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-artiġjanat
  • l-ekonomija soċjali  (karitajiet, kooperattivi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet mutwi u intrapriżi soċjali).

L-għan ġenerali tal-Grupp III huwa li tabilħaqq isaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea u li jiżgura li l-Opinjonijiet tal-KESE dwar proposti leġiżlattivi tal-UE jirriflettu l-interessi tal-Ewropej kollha. L-attivitajiet tal-Grupp III għalhekk huma bbażati fuq tliet pilastri:

  • id-diversità fid-demokrazija;
  • il-bini ta’ kunsens;
  • l-impenn ċiviku Ewropew – azzjoni lokali.

Matul il-Presidenza 2020-2025, il-Grupp se jiffoka ħidmietu fuq  “Il-faqar u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġġilduh”.

Downloads

2024 WORK PROGRAMME OF THE CIVIL SOCIETY ORGANISATIONS’ GROUP (Subject to review according to developments during the year)