Is-sistema tal-VAT tal-UE teħtieġ li tlaħħaq mal-iżviluppi tas-suq b'mod urġenti

Il-KESE jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar il-VAT, immirat għall-benefiċċju tal-konsumatur finali, iżda jitlob ċerti modifiki. Huwa jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jimplimentaw ir-riformi proposti u jaqilbu għas-sistema definittiva tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) f'perjodu ta' żmien raġonevoli.

Skont il-KESE, is-sistema attwali tal-VAT tal-UE teħtieġ li tinġieb konformi ma' żviluppi ġodda tas-suq, mudelli tan-negozju u teknoloġiji sabiex jiġi żgurat li s-suq uniku jiffunzjona kif xieraq, sabiex jiġu ssemplifikati r-regoli tal-VAT u tiġi impedita l-frodi tat-taxxa.

Sabiex titnaqqas id-diskrepanza tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-fora xierqa għall-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-ġbir tad-dħul u sabiex jiġu esplorati modi sabiex isir użu aħjar mit-teknoloġija diġitali biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT, filwaqt li jiġi ssemplifikat il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tat-taxxa u n-negozji u biex dawn jingħataw aċċess aktar faċli għall-informazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta' sistema għall-ġbir effiċjenti tat-taxxa f'sitwazzjonijiet kummerċjali transkonfinali.

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet kollha involuti fil-proċess ta' riforma sabiex jesploraw kif sistema tal-VAT komuni għall-oġġetti u għas-servizzi tista' tiġi implimentata. Huwa jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni dwar rati ta' VAT imnaqqsa u jirrakkomanda li dawn għandhom jiġu applikati għal ċerti klassijiet ta' oġġetti u servizzi, speċjalment dawk ta' interess ġenerali. "Lista negattiva" ta' oġġetti u servizzi li għalihom tapplika r-rata ta' VAT standard ma għandhiex tillimita bla bżonn il-libertà tal-Istati Membri li jistabbilixxu rati mnaqqsa għal ċerti oġġetti ta' interess ġenerali.

Fl-aħħar nett, il-KESE jqis li l-limiti għall-iskema tal-VAT il-ġdida għal negozji żgħar għandhom jiġu stabbiliti f'livelli li jiżguraw li l-SMEs kollha jkunu koperti. Ir-regoli tagħhom għandhom japplikaw ukoll għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

Jekk jogħġbok iċċekkja l-ewwel u t-tieni opinjoni tagħna għal aktar tagħrif.  (jk)