L-organizzazzjoni Ġermaniża Danube-Networkers for Europe rebbieħa tal-Premju tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE tal-2018

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fit-13 ta’ Diċembru ppremja lil ħames organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-proġetti eċċellenti tagħhom li jasserixxu l-valuri Ewropej, jiċċelebraw id-diversità tad-diversi identitajiet tal-Ewropa u jippromovu l-wirt kulturali bħala mezz biex l-Ewropej jitqarrbu mill-ġdid lejn xulxin.

Il-proġett Ġermaniż "Tastes of Danube – Bread Connects", mmexxi mill-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ Danube-Networkers for Europe (DANET), ħa l-ewwel premju ta’ EUR 14 000. L-erba’ inizjattivi l-oħra, SWANS mill-Ġermanja, Eco Museum mill-Italja, Safe Passage mir-Renju Unit u Balkans Beyond Borders mill-Greċja rċevew kull wieħed EUR 9 000.

"Matul is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, il-KESE jittama li dan il-premju se jqajjem għarfien dwar ir-rikkezza kulturali tal-Ewropa u dwar il-multipliċità u r-rikkezza tal-identitajiet Ewropej. Dan irid jippromovi proġetti li jsaħħu sens kondiviż ta’ appartenenza u ta’ relevanza permezz tad-diversità u bid-diversità. Irid iżid il-viżibbiltà tal-ħafna proġetti madwar l-Ewropa kollha li jippromovu valuri Ewropej bħalma huma r-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt. L-aħħar iżda mhux l-inqas, jixtieq jirringrazzja lil dawk l-individwi u ’l-organizzazzjonijiet li jiġġieldu fuq bażi ta’ kuljum għal Ewropa msejsa fuq dawn il-valuri," qal il-President tal-KESE Luca Jahier fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fi Brussell.

L-idea wara l-proġett rebbieħ ta’ DANET "Tastes of Danube – Bread Connects” hija li n-nies jesperjenzaw il-ħobż bħala forma ta’ wirt kulturali intanġibbli li huma kollha jikkondividu u li jgħaqqadhom fid-diversità tagħhom. Bħala parti mill-proġett, ġew organizzati attivitajiet u festivals ta’ ħami tal-ħobż f’diversi pajjiżi tad-Danubju, li laqggħu flimkien nies ta’ etajiet, etniċitajiet u sfondi soċjali differenti.

Filwaqt li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-Ġermanja, DANET hija organizzazzjoni umbrella ta’ diversi organizzazzjonijiet edukattivi mingħajr skop ta’ qligħ u esperti minn pajjiżi tad-Danubju bħall-Awstrija, il-Kroazja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovakkja u l-Ungerija. Bħala assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tippromovi t-tagħlim innovattiv u l-parteċipazzjoni soċjali taċ-ċittadini kollha, DANET tittama li l-proġett tagħha se jqajjem kuxjenza dwar l-għeruq kulturali komuni fir-Reġjun tad-Danubju u fl-Ewropa, se iqanqal id-djalogu u jsaħħaħ ir-rabtiet bejn il-ġenerazzjonijiet u l-kulturi differenti tal-Ewropa.

Hija u taċċetta l-premju, il-president ta’ DANET Carmen Stadelhofer qalet li: "Il-ħobż minn dejjem kien simbolu ta’ komunità u ta’ kondiviżjoni. Bil-proġett tagħna, irridu negħlbu l-ostakli u nagħmlu xi ħaġa għal Ewropa mibnija fuq is-solidarjetà, u ta’ paċi. Aħna naħdmu mil-livell lokali u nippruvaw ninvolvu lil kulħadd. Aħna nlaqqgħu flimkien diversi gruppi etniċi li ma jiltaqgħux b’mod ieħor. Inlaqqgħu persuni anzjani u żgħażagħ u ninkludu dawk li jista’ jkollhom diffikultajiet biex isibu posthom fis-soċjetà. Dan il-premju huwa rikonoxximent enormi u unur għal dawk il-ħafna organizzazzjonijiet u persuni involuti f’dan il-proġett."

Ara l-filmat bid-dettalji tal-proġetti rebbieħa hawnhekk.

Parteċipant rebbieħ ieħor hija l-inizjattiva SWANS, l-ewwel tat-tip tagħha fil-Ġermanja. Din hija mmexxija minn grupp ta’ nisa voluntiera li jorganizzaw seminars dwar il-karrieri u t-tmexxija għal studenti universitarji nisa b’potenzjal għoli li ġejjin minn familji immigranti u għal nisa ta’ kulur, bil-għan li jgħinuhom isibu l-impjieg li jixirqilhom u biex itemmu d-diskriminazzjoni kontrihom fis-suq tax-xogħol.

Il-proġett rebbieħ mill-Italja Eco Museum, huwa mmexxi mill-kooperattiva soċjali Aria Nuova. Dan jgħin lil pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali minn unitajiet residenzjali sabiex jesperjenzaw l-arti u l-kultura personalment, u b’hekk jasserixxi li d-dritt għall-kultura huwa universali.

Il-kampanja kulturali "80 years on, child refugees still need Safe Passage", mill-organizzazzjoni tar-Renju Unit Safe Passage, tistinka biex tikseb appoġġ akbar mill-pubbliku għar-refuġjati żgħażagħ tal-lum, billi tqabbel is-sitwazzjoni tal-lum ma’ Kindertransport, operazzjoni ta’ salvataġġ tal-massa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, li fiha ċ-ċittadini Brittaniċi laqgħu tfal li kienu qed jaħarbu l-persekuzzjoni Nazista. Safe Passage s’issa għen lil 1 500 tifel u tifla biex jilħqu kenn permezz ta’ rotot sikuri u legali.

Ir-rebbieħ Grieg huwa festival tal-filmati qosra mmexxi mill-organizzazzjoni Balkans Beyond Borders. Il-festival iseħħ kull sena f’belt Balkana differenti, u jtella’ xogħol mill-produtturi tal-films mill-Balkani u lil hinn u juża l-arti bħala forza biex jingħelbu d-differenzi li joriġinaw mill-imgħoddi instabbli tar-reġjun.

Il-Premju tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, li din is-sena jinsab fl-10 edizzjoni emblematika tiegħu, attira 150 kandidat minn mhux inqas minn 27 Stat Membru tal-UE, u dan jixhed l-entużjażmu enormi tas-soċjetà ċivili minn madwar l-UE biex tippromovi l-valuri Ewropej u l-wirt kulturali. B’dan il-premju, il-KESE jittama li tissaħħaħ il-ħidma orjentata lejn il-komunità min-naħa tal-organizzazzjonijiet u l-individwi ppremjati.

Il-premju jingħata għal “l-eċċellenza f’inizjattivi tas-soċjetà ċivili” u kull sena tintgħażel tema differenti, li tkopri qasam importanti tal-ħidma tal-KESE. Il-premju għall-2017 kien iddedikat għal "intraprenditorija innovattiva li tippromovi l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġjati".