Kummerċ, investiment, sigurtà soċjali u solidarjetà – punti fokali tas-sittax-il Round Table UE-Ċina

"Il-kontribut tas-soċjetà ċivili jarrikixxi s-sħubija multidimensjonali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jirriżulta f'relazzjonijiet internazzjonali aħjar," qablu l-president tal-KESE Luca Jahier u l-Viċi-President tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ċiniż, Yang Chongui, matul is-sittax-il Round Table bejn l-istituzzjonijiet tagħhom. Dikjarazzjoni konġunta maħruġa minn żewġ kontropartijiet wara s-sittax-il Round Table UE-Ċina, li saret bejn it-28 u d-29 ta' Mejju f'Varna, il-Bulgarija, tiġbor fil-qosor il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-laqgħa.

"Ir-Round Table UE-Ċina stabbiliet ruħha b'mod b'saħħtu bħala wieħed mill-avvenimenti bilaterali ewlenin bejn l-UE u ċ-Ċina, li jirrifletti l-istat pożittiv globali u l-istabbiltà ta' dawk ir-relazzjonijiet," sostna l-president tal-KESE, Luca Jahier, filwaqt li żied jgħid li bħala sħab ekonomiċi, politiċi u strateġiċi ewlenin, l-UE u ċ-Ċina kellhom ikomplu jaħdmu flimkien dwar għadd dejjem akbar ta' kwistjonijiet.

Is-sittax-il Round Table ffukat fuq kwistjonijiet relatati mas-sigurtà soċjali u l-mekkaniżmi tas-solidarjetà soċjali, u fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u ċ-Ċina.

Flimkien mar-Round Table, ġiet organizzata laqgħa tripartitika dwar is-Sena tat-Turiżmu 2018 UE-Ċina flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu tal-Bulgarija u l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Bulgaru. Is-sena għandha l-għan li tippromovi destinazzjonijiet inqas magħrufa, tipprovdi opportunitajiet sabiex tiżdied il-kooperazzjoni ekonomika u ttejjeb il-faċilitazzjoni tal-viżi u l-konnettività tal-ajru bejn l-UE u ċ-Ċina. (ia)