It-tielet Jum Ewropew tal-Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali: wasal iż-żmien li jiġu rikonoxxuti u jespandu

“Dan huwa ż-żmien opportun għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali biex juru valuri Ewropej fi żmien meta l-UE qed taffaċċja sfidi kbar,” qalet Ariane Rodert, membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), li fetħet it-tielet Jum Ewropew tal-Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali (SEEs). L-avveniment, li sar fl-4 ta' Ġunju fil-bini tal-KESE fi Brussell, iffoka fuq kif tista' tikber l-ekonomija soċjali u wera intraprendituri soċjali innovattivi.

Ilum, l-ekonomija soċjali tipprovdi impjieg bi ħlas għal 6,3 % tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, li tammonta għal 13,6 miljun impjieg imħallas fl-Unjoni Ewropea. Intraprendituri soċjali u dawk li jfasslu l-politika enfasizzaw li wasal iż-żmien li s-settur jespandi.

Il-kelliema enfasizzaw li l-ekonomija soċjali fl-Ewropa ta' spiss tiġi sottovalutata f'termini tal-potenzjal tagħha għall-iżvilupp ekonomiku u t-trasformazzjoni soċjali u ġibdu l-attenzjoni għar-rwol li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jistgħu jaqdu fil-livell internazzjonali, speċjalment fir-reġjuni b'livell għoli ta' qgħad bħall-Balkani jew f'pajjiżi Afrikani.

L-avveniment kien mogħni b'erba' eżempji ta' SEEs innovattivi u ta' suċċess, li wrew li t-tkabbir huwa possibbli fl-ekonomija soċjali, u tliet sessjonijiet ta' ħidma parteċipatorji, li ffukaw fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-SEEs, ir-rwol tar-raggruppamenti u l-possibbiltajiet għal tkabbir.

Dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE qablu li llum huwa l-mument opportun għall-ekonomija soċjali biex tespandi iżda ħeġġew lin-nies sabiex ma jinsewx il-bażi reali tal-ekonomija soċjali, li hija l-kooperazzjoni u s-solidarjetà.  (ia)