"Il-pagamenti diretti għandhom imorru biss lil bdiewa attivi", isostni l-KESE hekk kif jitlob appoġġ speċjali għal bdiewa żgħażagħ

Il-KESE jappoġġja PAK b’saħħitha u ffinanzjata tajjeb flimkien ma' żieda fil-baġit tal-UE għal 1,3 % tal-ING skont it-tkabbir fl-ekonomija tal-UE. Għandu jiġi pprovdut finanzjament adatt tal-PAK sabiex jindirizza d-dħul baxx tal-bdiewa u tal-ħaddiema fl-agrikoltura, l-inflazzjoni u kwalunkwe tnaqqis minħabba l-Brexit, kif ukoll ir-rekwiżiti addizzjonali ambjentali u tat-tibdil fil-klima.

"Il-bdiewa Ewropej – irziezet tal-familja, SMEs, kooperattivi u sistemi tal-biedja tradizzjonali oħra – għandhom ikunu kapaċi jgħixu mid-dħul tal-irziezet tagħhom. Dan għandu jiġi ggarantit bi prezzijiet ġusti u b'pagamenti diretti b'saħħithom. Madankollu, il-pagamenti diretti għandhom imorru biss lil bdiewa u intrapriżi agrikoli attivi li huma involuti fil-produzzjoni agrikola skont kriterji oġġettivi u prattiki reġjonali u li jipprovdu beni pubbliċi. Mhuwiex biżżejjed li wieħed ikun sempliċement is-sid ta' art agrikola," issostni Jarmila Dubravská, relatur tal-opinjoni tal-KESE Il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja. "Għall-bdiewa tal-UE, huwa ta' importanza kruċjali li l-proposti leġislattivi jinvolvu semplifikazzjoni reali tal-aktar elementi burokratiċi tal-PAK," iżid jgħidJohn Bryan.

Is-sussidjarjetà m'għandhiex iddgħajjef il-PAK jew is-suq uniku. Din għandha tapplika biss għall-pjani tal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-objettivi tal-PAK, u b'hekk tagħtihom xi ftit flessibbiltà biex jadottaw l-opzjonijiet ta’ pagament taħt l-ewwel u t-tieni pilastru li jkunu l-aktar adatti għat-tipi ta’ biedja, strutturi u kundizzjonijiet fil-pajjiż rispettiv, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet naturali u l-ambjent tiegħu. Il-KESE mhuwiex favur il-fatt li l-Istati Membri jittrasferixxu l-fondi mill-Pilastru II lejn il-Pilastru I. Pjuttost, dan jitlob livell raġonevoli ta' kofinanzjament tat-tieni pilastru għall-Istati Membri kollha.

Il-KESE jipproponi wkoll li jittejjeb l-appoġġ tal-PAK għall-bdiewa żgħażagħ u t-tiġdid ġenerazzjonali. Fl-aħħar, jeħtieġ li l-UE ssegwi strateġija aktar koerenti bejn il-PAK u l-politika kummerċjali. (sma)