Il-futur tal-Balkani tal-Punent għandu jkun futur Ewropew

Aktar minn 100 rappreżentant tas-soċjetà ċivili adottaw il-kontribut tagħhom għas- Summit tal-Kapijiet tal-Istat tal-UE-Balkani tal-Punent f'Sofija

Il-parteċipanti fil-konferenza ta' livell għoli li saret fil-15 ta' Mejju kienu konvinti li t-tkabbir tal-UE, u b'mod partikolari t-tixrid tal-valuri demokratiċi u l-istandards legali tagħha lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, kienu fl-interess kemm tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kif ukoll tal-UE. Il-promozzjoni tal-valuri tal-UE fir-reġjun tiggarantixxi s-sigurtà u l-istabbiltà u ttejjeb l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'dawn il-pajjiżi, li min-naħa l-oħra tfisser stabbiltà u sigurtà għall-UE.

"Il-ġejjieni tar-reġjun huwa ġejjieni Ewropew," enfasizza l-president tal-KESE, Luca Jahier fid-dikjarazzjoni tiegħu waqt il-konferenza. "Jiena ninsab konvint li m'hemm l-ebda alternattiva oħra kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent minn dik li jieħdu passi stabbli, trasformattivi u sostenibbli lejn sħubija sħiħa."

 "Jiena tassew nemmen li l-integrazzjoni mill-aktar fis possibbli ta' dan ir-reġjun fl-Unjoni komuni tagħna mhijiex biss fl-interess tal-pajjiżi u tan-nies tal-Balkani tal-Punent, iżda anke tagħna lkoll fl-UE," sostniet Dilyana Slavova, il-president tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni fil-ftuħ tal-konferenza.

Id-Deputat Prim Ministru Bulgaru għar-Riforma Ġudizzjarja u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ekaterina Zaharieva enfasizzat ukoll il-ħtieġa li tiġi involuta s-soċjetà ċivili: "Is-sħab soċjali għandhom rwol importanti fl-iżvilupp soċjoekonomiku u l-koeżjoni tal-Balkani tal-Punent." Hija xtaqet tara żewġ pajjiżi mill-Balkani tal-Punent isiru membri tal-UE sal-2025.

 Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ffukaw b'mod partikolari fuq id-drittijiet u l-emanċipazzjoni ta' gruppi vulnerabbli fir-reġjun.(sg)