Il-benefiċċji ekonomiċi reġjonali tat-tranżizzjoni tal-enerġija spiss jiġu injorati

Fil-31 ta’ Mejju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) organizza seduta ta' smigħ dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija fir-Reġjuni tal-Ewropa biex jitfa’ dawl fuq il-benefiċċji ekonomiċi reġjonali għall-bidla għal provvisti tal-enerġiji deċentralizzati u enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, suġġett li fil-biċċa l-kbira baqa’ ma ġiex esplorat minkejja l-fatt li t-tranżizzjoni għandha dimensjoni reġjonali distinta.

Il-bidla għal enerġiji nodfa u rinnovabbli jaf tkun ta’ benefiċċju b’mod partikolari għal reġjuni anqas sinjuri, u b’hekk tnaqqas l-inugwaljanzi bejn iż-żoni differenti tal-UE u tiżgura titjib fil-koeżjoni soċjali u reġjonali fl-UE kollha. Intwera li enerġija ċivika prodotta lokalment ukoll tnaqqas il-faqar enerġetiku.

Dan intwera minn żewġ eżempji ta’ suċċess ippreżentati matul is-seduta ta' seduta. Tal-ewwel kien proġett implimentat fil-belt Ġermaniża ta’ Treuenbrietzen li laħaq l-għan tiegħu li jiżgura provvista tal-enerġija deċentralizzata nadifa u indipendenti għall-komunità li ma kinitx daqstant sinjura fil-passat.

Il-proġett ta’ tranżizzjoni tal-enerġija ta’ suċċess l-ieħor twettaq mill-muniċipalità ta’ Turosn Koscielna fil-Lvant tal-Polonja, wieħed mill-ifqar reġjuni fl-UE. Dan wassal għal tnaqqis annwali radikali fl-emissjonijiet tas-CO2 u għal iffrankar li jammonta għal EUR 95 000 fis-sena.

Ir-riżultati tas-seduta ta' smigħ se jikkontribwixxu għall-opinjoni tal-KESE dwar ” L-effetti ta’ struttura tal-provvista tal-enerġija mingħajr karbonju, deċentralizzata u diġitalizzata ġdida fuq l-impjiegi u l-ekonomiji reġjonali. L-opinjoni se tiġi ppreżentata fis-sessjoni ta’ Lulju tal-KESE fil-preżenza tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič. (ll)