Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur huwa possibbli biss jekk dan ikun ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet

 Il-Ftehim m'għandu jissagrifika l-ebda settur, reġjun jew pajjiż, jenfasizza l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-Unjoni Ewropea hija l-akbar ekonomija fid-dinja, u l-Mercosur huwa s-sitt l-akbar ekonomija fid-dinja. Meta jiffirmaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA), iż-żewġ partijiet jistgħu jiksbu benefiċċji sinifikanti, isostni l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-opinjoni tiegħu Lejn Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Mercosur , li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu fl-24 ta' Mejju. L-UE tista' tikseb aċċess għal suq ta' kważi 300 miljun abitant. Il-Mercosur jista’ jiddiversifika l-ekonomiji tiegħu u jżid il-valur tal-esportazzjonijiet tiegħu, kif ukoll ikollu aċċess għal suq ta’ 500 miljun persuna. Il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, meta jitqiesu t-territorju, il-popolazzjoni u l-iskambji kummerċjali attwali ta' aktar minn EUR 84 biljun fis-sena, tippermetti li jissaħħaħ ir-rwol taż-żewġ blokok fix-xena internazzjonali u li jinħoloq spazju kbir ta’ integrazzjoni ekonomika, filwaqt li ġġib benefiċċji għaż-żewġ partijiet u tiġġenera effetti konsegwenzjali pożittivi, inkluż fil-kumplament tal-Amerika Latina. Madankollu, il-KESE jwissi li, taħt l-ebda ċirkostanza, il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma għandu jkun ibbażat fuq ftehim batut.

"Il-KESE jitlob lill-partijiet tan-negozjati, u lill-UE b'mod partikolari, sabiex iqisu l-ispiża politika u ekonomika għolja meta ma jintlaħaqx ftehim jew meta jintlaħaq ftehim li ma jkunx ibbilanċjat b'mod tajjeb għaż-żewġ partijiet", sostna Josep Puxeu Rocamora, relatur għall-opinjoni tal-KESE. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun ftehim strateġiku komprensiv li jkollu l-għan li jipprovdi benefiċċji fit-tul għall-atturi ekonomiċi u soċjali kollha taż-żewġ partijiet f'termini ta' żvilupp, sigurtà, migrazzjoni u sfidi ambjentali.

"Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għandu jkollu dimensjoni soċjali, tax-xogħol u ambjentali kompletament komprensiva, ", tenna Mário Soares, il-korelatur tal-opinjoni. "Din id-dimensjoni għandha tiżgura li r-relazzjonijiet ekonomiċi jkunu konformi mal-objettivi soċjali u ambjentali u l-konvenzjonijiet tal-ILO li jirregolaw l-iżvilupp sostenibbli".(sg)