Forom ġodda ta’ xogħol jitolbu kundizzjonijiet tax-xogħol aktar trasparenti u prevedibbli

Biż-żieda fl-impjiegi flessibbli u atipiċi fl-UE, issa huwa tal-akbar importanza li l-kundizzjonijiet tax-xogħol isiru aktar trasparenti u prevedibbli għall-ħaddiema kollha, li jista’ jinkiseb l-aħjar permezz ta’ djalogi soċjali u negozjar kollettiv fil-livell nazzjonali, sostna l-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti.

Il-KESE iddeskriva d-direttiva bħala pass reali lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-adattament għal dinja tax-xogħol futura. Madankollu, huwa wissa wkoll kontra l-piż amministrattiv possibbli li jistgħu jġarrbu l-impjegaturi jekk xi dispożizzjonijiet tad-direttiva jiġu implimentati fil-forma attwali tagħhom, u rrakkomanda li xi wħud mill-aspetti tagħha jiġu kkjarifikati u r-responsabbiltà għal ċerti kwistjonijiet titħalla għall-Istati Membri.

“Id-direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti hija opportunità kbira biex jingħata bidu għal Ewropa soċjali”, qal Christian Bäumler, relatur għall-opinjoni tal-KESE, filwaqt li żied jgħid li x-xogħol fuq talba ma jistax jinżamm bħala forma ta’ impjieg mingħajr ma jiġi stabbilit perjodu ta’ referenza xieraq u mingħajr avviż ta’ avvanz xieraq għall-ħaddiema.

Il-korelatur VladimiraDrbalová indikat li l-proposta attwali kien fiha xi dispożizzjonijiet mhux ċari li jistgħu jikkawżaw inċertezzi legali fis-suq tax-xogħol. Kien hemm bżonn ta’ xi rfinar minħabba li l-proposta ma kinitx ġustifikata biżżejjed.(ll)