27 flixkun riċiklat biex isir flokk bi kmiem qosra

Strateġija ta' suċċess dwar il-Plastiks għandha timmira lejn miżuri effettivi edukazzjonali u ta' taħriġ sabiex trawwem ir-rispett tal-bilanċ dinamiku tal-bijosfera.  Sabiex nagħmlu l-plastiks aktar riċiklabbli u naċċelleraw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, jeħtieġ li noħolqu inċentivi relatati mad-disinn u l-imġiba kif ukoll standards komuni tekniċi u regolatorji.

Fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni, il-Kumitat enfasizza r-riċiklaġġ tal-plastiks bħala opportunità vitali għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u kompetittiv. L-oġġetti magħmula mill-plastiks għandhom jitqiesu bħala materja prima siewja li teħtieġ li tiġi rkuprata. "Aħna għandna bżonn kultura Ewropea ta' ċirkolarità tal-plastik ibbażata fuq analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott," sostna Antonello Pezzini, ir-relatur tal-opinjoni, "u dan se jirnexxi biss bl-involviment taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili. Il-vantaġġi tas-separazzjoni u tar-riċiklaġġ tal-plastiks iridu jsiru tanġibbli għaċ-ċittadini Ewropej."

Mikroplastik – jintuża ta' spiss fid-deterġenti, il-kożmetiċi, l-għamara u ż-żebgħa – jeħtieġ attenzjoni speċjali, peress li t-tniġġis mis-sors huwa wieħed mill-akbar perikli għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

Minn PET għal ħjut

Il-KESE jħeġġeġ il-ġbir separat u, b'mod partikolari, ir-riċiklaġġ tal-PET (polietilentereftalat), li jistgħu joħolqu benefiċċji ekonomiċi fl-UE, filwaqt li jiġġeneraw attività ekonomika u impjiegi ġodda. It-trasformazzjoni tal-PET fi drapp hija innovattiva u ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, u tiżgura l-kwalità mit-tekniki tal-produzzjoni sad-disinn. U n-numri huma impressjonanti: hemm bżonn biss 27 flixkun ta' 1,5 litri – kważi l-konsum tal-ilma rrakkomandat ta' unità domestika b'erba' persuni fil-ġimgħa – sabiex isir flokk tas-suf. (sma)