Christa Schweng ġiet eletta bħala President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fit-28 ta’ Ottubru 2020 għal perjodu ta’ sentejn u nofs, sa Marzu 2023. Ilha membru tal-KESE sa mill-1998. Fi ħdan il-KESE, hija ffukat il-ħidma tagħha fuq l-impjieg u l-affarijiet soċjali.
Bejn l-2018 u l-2020, hija kienet il-President tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC) tal-KESE. Mill-2013 sal-2015, hija ppresediet il-ħidma tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol (LMO).
Minbarra l-ħidma tagħha fil-KESE, hija taħdem għall-Kamra Ekonomika Federali Awstrijaka (WKÖ). Hija ilha mill-1994 konsulent għoli tad-Dipartiment tal-Politika Soċjali tad-WKÖ
Hija ilha mill-1995 membru tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (korp li jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol).
Barra minn hekk, ilha mill-1995 membru tal-bord tat-tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, ibbażata f’Bilbao, u ilha mill-2001 il-kelliem għal min iħaddem fi ħdan l-aġenzija. Sa mill-2001, hija kellha f’idejha l-presidenza b’rotazzjoni tal-bord kull tliet snin.
Għal dawn l-aħħar 25 sena, hija kienet membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (hija kienet il-President tal-Kumitat bejn l-2001 u l-2009).
Hija għandha lawrja ta’ Master fil-Liġi mill-Università ta’ Vjenna.
Hija titkellem b’mod fluwenti bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż, u tikkomunika wkoll bl-Ispanjol.
Hija kienet relatur u korelatur ta’ bosta Opinjonijiet tal-KESE, fosthom
- Kordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali
- Regolamenti dwar l-Eurofound, is-Cedefop u l-EU-OSHA
- L-integrazzjoni tar-refuġjati fl-UE
- Miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ – l-aħjar prattiki
- Impjieg staġonali – ċittadini ta’ pajjiżi terzi
- Saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol: ħaddiema li jaħdmu għal rashom
- Lejn strateġija Komunitarja għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol