Press release - School visit in Malta

L-istudenti tal-Kulleġġ de la Salle tal-Birgu jippreparaw ruħhom għall-missjoni tagħhom fi Brussell

Il-Kulleġġ de la Salle, it-Tlieta, 6 ta’ Marzu, 11 a.m.

L-ewwel pass lejn Brussell għall-istudenti tal-Kulleġġ de la Salle tal-Birgu, li f’Marzu li ġej ser jirrappreżentaw lil Malta f’dibattitu kbir, fejn bħala protagonisti se jkun hemm iż-żgħażagħ tal-iskejjel sekondarji mill-Ewropa kollha, bil-għan li jiġi stabbilit liema post jixtiequ jagħtu l-ġenerazzjonijiet il-ġodda lill-kultura fil-ġejjieni tal-Ewropa. Nhar is-6 ta’ Marzu, is-Sur Stefano Mallia, membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li organizza l-avveniment, se jżur il-Kulleġġ biex jispjega lill-istudenti kif tinbet proposta tas-soċjetà ċivili Ewropea biex imbagħad jgħaddi r-responsabbiltà lis-subien.

Kif taħdem id-demokrazija parteċipattiva? Kif jistgħu ċ-ċittadini jinfurmaw lill-Ewropa bix-xewqat u l-istennijiet tagħhom? Kif jistgħu jibdlu leħinhom fi proposti prattiċi indirizzati lill-istituzzjonijiet Ewropej? Liema mezzi u forom għandhom jintużaw biex jitwasslu dawn il-proposti?

Dawn huma xi wħud mill-mistoqsijiet li l-membru Stefano Mallia se jiddiskuti mal-istudenti tal-Kulleġġ de La Salle. Delegazzjoni ta’ tliet studenti, flimkien ma’ għalliem, imbagħad se jmorru Brussell fil-15 u s-16 ta’ Marzu li ġej, fejn huma jistgħu jimplimentaw dawn l-indikazzjonijiet u jagħtu bidu għall-ewwel passi lejn id-demokrazija parteċipattiva billi jitkellmu dwar il-kultura.

Il-ħidma ta’ dawn iż-żgħażagħ se tkun li jistabbilixxu liema post il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jixtiequ jagħtu lill-kultura fil-ġejjieni tal-Ewropa u jfasslu proposti biex isarrfu din il-viżjoni fil-prattika. It-tliet proposti li jiksbu l-massimu tal-appoġġ fl-aħħar votazzjoni se jintużaw mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li se jkun leħen ir-rieda taż-żgħażagħ fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej li huma responsabbli biex ifasslu l-politiki (Kummissjoni, Kunsill, Parlament Ewropew).

Id-dibattitu se jiffoka fuq il-mistoqsijiet li ġejjin:

  • X’inhi l-”kultura Ewropea”: hija biss is-somma tat-tradizzjonijiet nazzjonali jew jeżistu valuri komuni li jagħmluna kollha kemm aħna Ewropej?
  • X’inhu r-rwol tal-kultura u tal-iskambji kulturali fil-ħajja tal-istudenti?
  • X’tista’ tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tippromovi l-kultura (iċ-ċinema, il-mużika, iż-żfin, il-letteratura, it-teatru, eċċ.) u ttejjeb il-protezzjoni ta’ siti ta’ wirt kulturali?
  • X’jista’ jkun ir-rwol tal-kultura fit-twelid mill-ġdid ekonomiku tar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa?
  • Kif jista’ dan it-twelid mill-ġdid joħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjieg għaż-żgħażagħ?

Se jieħdu sehem tlieta u tletin skola minn kull Stat Membru tal-UE u l-ħames pajjiżi kandidati (l-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, il-Montenegro, it-Turkija). It-tema ta’ din is-sena hija marbuta mas- Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018.

Stefano Mallia, membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew se jiggwida lis-subien.

L-avveniment imsejjaħ “Your Europe, Your Say!” (L-Ewropa Tiegħek, Leħnek) jew sempliċiment “YEYS”, li din is-sena jinsab fl-għaxar edizzjoni tiegħu, huwa organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-vuċi tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, u huwa l-avveniment emblematiku tal-KESE għaż-żgħażagħ.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-KESE qed jiżgura li l-fehmiet, l-esperjenzi u l-ideat tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-politika tal-UE.

Aktar dettalji dwar YEYS2018 huma disponibbli fuq il-paġna uffiċjali tal-avveniment u fil-filmat tas-sena li għaddiet.

Downloads

Press release - School visit in Malta