You are here

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! 2018

Magħquda fid-diversità: ġejjieni żagħżugħ għall-kultura Ewropea

Għażiż Sinjur, Sinjura,

Għaddejjin tħejjijiet fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għad-disa’ avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!”,

li se jsir
fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2018 fi Brussell. Ir-reġistrazzjoni onlajn issa hija miftuħa!

 

"L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!" jikkonsisti fl-istedina ta’ studenti, fis-sena ta’ qabel tal-aħħar f’kull tip ta’ skola sekondarja mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-ħames pajjiżi kandidati, li jżuru Brussell. Il-KESE ser ikopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni għal tliet studenti u għalliem wieħed minn kull skola rebbieħa, li għandhom jintgħażlu bil-polza. L-avveniment se jagħti lill-istudenti l-opportunità li jsiru jafu aktar dwar l-UE u li jifhmu r-rwol tal-KESE fi ħdanha. Huwa wkoll opportunità unika għaż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f’dibattitu plenarju fil-forma ta’ assemblea dwar suġġett speċifiku f’ambjent multikulturali, fejn jintressqu argumenti, isiru negozjati u jintlaħaq kompromess. Se tiġi pprovduta interpretazzjoni bl-Ingliż u l-Franċiż matul is-sessjonijiet plenarji, filwaqt li l-gruppi ta’ ħidma preparatorja se jitmexxew bl-Ingliż.

It-tema ta’ din is-sena se tkun “Magħquda fid-diversità: ġejjieni żagħżugħ għall-kultura Ewropea”. L-istudenti se jaħdmu flimkien fuq aspetti differenti ta’ dan is-suġġett, billi jindirizzaw mistoqsijiet bħal:

  • X’inhi l-kultura Ewropea: hija biss is-somma tat-tradizzjonijiet nazzjonali differenti jew jeżistu valuri komuni li jagħmluna kollha kemm aħna Ewropej?
  • X’inhu r-rwol tal-kultura u tal-iskambji kulturali ma’ nies oħra fil-ħajja tal-istudenti?
  • X’tista’ tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tippromwovi l-kultura (iċ-ċinema, il-mużika, iż-żfin, il-letteratura, it-teatru, eċċ.) u li ttejjeb il-protezzjoni ta’ siti ta’ wirt kulturali?
  • X’jista’ jkun ir-rwol tal-kultura fit-twelid mill-ġdid ekonomiku tar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa? Kif jista’ dan it-twelid mill-ġdid jagħti liż-żgħażagħ opportunitajiet ġodda f’termini ta’ impjiegi ġodda?
  • X’jistgħu jagħmlu l-UE u l-Istati Membri biex dan il-proċess ikun iffaċilitat?

Fi tmiem l-avveniment, il-parteċipanti żgħażagħ se jkollhom l-opportunità li jippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-membri tal-KESE u jivvotaw għat-tlieta li huma jqisu bħala l-aktar rilevanti u interessanti. Fiż-żmien li jwassal għaż-żjara fi Brussell, il-membri tal-KESE se jżuru l-iskejjel magħżula biex iħejju liż-żgħażagħ għad-dibattiti fi Brussell. Dokumentazzjoni u materjal ta’ appoġġ se jintbagħtu lill-iskejjel magħżula.

Fuq is-sit web tagħna tista’ ssib deskrizzjoni dettaljata tal-avveniment, il-formola ta’ reġistrazzjoni onlajn, ir-regoli u l-arranġamenti prattiċi kollha.

Sabiex tieħu idea aħjar, tista’ wkoll tara filmat tal-avveniment tas-sena l-oħra, jew segwina fuq is-sit web ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” u permezz tal-midja soċjali tagħna ddedikata għal dan l-avveniment:    

Nitolbuk tħeġġeġ lill-iskejjel sekondarji fid-distrett tiegħek biex jirreġistraw jew, jekk inti kap għalliem jew għalliema fi skola bħal din, biex tirreġistra direttament għal dan il-proġett eċċitanti permezz tas-sit web tagħna.

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-24 ta' Novembru 2017. 

 
Nistennew bil-ħerqa li nilqgħukom fi Brussell!

 

Dejjem tiegħek,

 

Gonçalo Lobo Xavier
Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni

Downloads

Your Europe, Your Say! Invitation